Tnieda dokument dwar il-Politika Lingwistika għas-Snin tal-Primarja fl-iskejjel kollha ta’ pajjiżna.
L-għan ta’ din il-politika hija sabiex tippromwovi u ssaħħaħ il-bilingwiżmu tat-tfal kollha ta’ bejn is-sebgħa u l-ħdax-il sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja tal-Mosta A, ġie spjegat li dan id-dokument se jara li l-ġenituri, l-edukaturi, u t-tfal jingħataw il-mezzi biex ikunu protagonisti fil-promozzjoni tal-bilingwiżmu fi djarhom u f’istituzzjonijiet edukattivi.
Lara Ann Vella, waħda mill-awturi ta’ dan id-dokument u riċerkatriċi fi ħdan l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, spjegat kif dan id-dokument jibni fuq il-politika lingwistika għas-snin bikrin, imniedi fl-2016.
“Aħna nemmnu li kull tifel u tifla għandhom id-dritt li jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż biex huma jkunu jistgħu jimxu aktar ’il quddiem fl-edukazzjoni tagħhom. Id-dokument jiffoka wkoll fuq l-attitudnijiet biex kull tifel u tifla u ġenituri u edukaturi jkollhom attitudni pożittiva għal-lingwi tagħhom u tat-tfal kollha. Importanti li aħna naraw il-lingwi bħala ħbieb u mhux għedewwa.”
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, innota l-importanza ta’ dan id-dokument u tal-fatt li dan jisħaq li t-tfal kollha għandhom jingħataw l-għajnuna sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet li jgħinuhom itejbu l-kompetenzi tagħhom fil-Malti u l-Ingliż.
“Dokument li huwa msejjes fuq il-kontribut ta’ diversi msieħba, u bih qed nassiguraw li nagħtu l-għodda kollha neċessarja lit-tfal tagħna sabiex ikollhom il-kmand tal-lingwi u nagħtu importanza mistħoqqa lil-lingwa Maltija u dik Ingliża u, għalfejn le, lingwi oħra li huma mitkellma fl-iskejjel tagħna u huma ta’ benefiċċju għall-istudenti tagħna.”
Intqal ukoll kif t-tfal multilingwi fl-iskejjel ta’ pajjiżna jridu jingħataw l-għajnuna biex jitgħallmu ż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna.