Għada s-Sibt 12 ta’ Ottubru, f’Ta’ Sannat se terġa’ tiġi organizzata lejla raħlija mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li attivitajiet bħal dawn huma importanti għax iservu ta’ pjattaforma sabiex nippromwovu l-prodotti lokali u nkomplu nedukaw lill-poplu dwar il-ħarsien tal-annimali. Spjega li għalkemm dan il-gvern jaħdem u jgħin finanzjarjament lill-għaqdiet u lis-santwarji tal-annimali, l-edukazzjoni għall-pubbliku sabiex jieħu ħsieb l-annimali u jittrattahom kif jixraq, tibqa’ importanti.
Clint Camilleri ħabbar li bdew id-diskussjonijiet biex issir l-ewwel pixxina taż-żwiemel f’Għawdex, proprju fir-raħal tas-Sannat. Dan filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Sannat qed fi stat avvanzat li jibda xogħlijiet għal dog park fl-istess raħal.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali dejjem qed ikun minn tal-ewwel li jgħin f’attivitajiet bħal dawn. Clint Camilleri kompla jgħid li l-attivitajiet fl-ibliet u fl-irħula Maltin jagħtu ħajja lit-tradizzjonijiet Maltin u nistgħu ninnotaw li dejjem jiġġeneraw interess qawwi tant li bosta minnhom saru jiffurmaw parti mill-kalendarju kulturali u turistiku ta’ pajjiżna.
Din l-attività li hi sinonima mar-raħal ta’ Sannat tikkonsisti fi tradizzjoni li kienu jagħmlu s-Sannatin. Fl-antik is-Sannatin kienu jiltaqgħu fil-misraħ tar-raħal jiddiskutu fuq l-annimali u anke kienu jpartu xi annimali max-xogħol. Illum din m’għadekx taraha iżda matul iż-żminijiet il-kunsill lokali dejjem organizza attivitajiet favur l-annimali domestiċi biex dejjem irawwem kultura favur l-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri se jiftaħ il-lejla raħlija u jħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din l-attività mit-7:45 ’il quddiem fil-Pjazza Isqof Cocco Palmieri, Ta’ Sannat. Minbarra t-tberik tal-annimali din is-sena s-Segretarjat Parlamentari flimkien mal-kunsill u mas-Sindku Philip Vella reġgħu ħadmu biex din is-serata tkun iżjed tradizzjonali u għalhekk waqt l-attività se jkun hemm ukoll daqqaqa, għana u makjetti.