It-tennista Serb ta’ 34 sena Novak Djokovic, tilef l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Awstraljan li tiġi rrevokata l-viża Awstraljana tiegħu; għalhekk huwa se jkun deportat.
Jum qabel ma kellu jibda l-kampjonat l-Australian Open, il-Qorti Federali kkonfermat id-deċiżjoni tal-gvern.
Fil-Qorti, it-tennista numru wieħed argumenta li r-raġunijiet mogħtija mill-gvern kienu invalidi u illoġiċi.
Dan meta jumejn ilu, l-Ministru għall-Immigrazzjoni Awstraljan Alex Hawke rrevvoka l-viża tas-Serb għat-tieni darba.
Huwa saħaq li t-tennista, li mhux imlaqqam kontra l-COVID-19, kien ta’ theddida għas-saħħa pubblika.
Apparti li tilef iċ-ċans li jiddefendi t-titlu tiegħu filwaqt li jkun it-tennista bl-aktar unuri, Djokovic jista’ jaffaċċja tliet snin sospensjoni milli jidħol fl-Awstralja.
Għalhekk, bosta issa qed jistaqsu dwar kif din id-deċiżjoni se tkun qed taffetwa l-karriera tat-tennista.