It-tennista numru wieħed Novak Djokovic ammetta li kiser ir-regoli ta’ iżolament wara li kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19 f’Diċembru li għadda.
Huwa ddeskriva dak li ġara bħala deċiżjoni ħażina min-naħa tiegħu.
Fuq post li kiteb ilbieraħ fuq Instagram, is-Serb ammetta li fis-16 ta’ Diċembru, jiġifieri jumejn wara li rriżulta pożittiv għall-virus, kien iltaqa’ ma’ ġurnalist għal intervista li kellu skedata.
Intant, fl-istess post huwa tefa’ l-ħtija, għal dak li ġara fl-Awstralja, fuq l-aġent tiegħu.
Djakovic qal li sar żball fuq il-formola tal-ivvjaġġar li kellu bżonn sabiex jidħol fl-Awstralja.
Dawn il-kummenti qanqlu investigazzjoni ġdida mill-uffiċjali Awstraljani, hekk kif il-Gvern Awstraljan qed janalizza jekk għandux jiddeportah, u għalhekk ma jkunx jista’ jieħu sehem fil-kampjonat Australian Open.