Missili Russi laqtu diga ta’ ġibjun qrib il-belt ta’ Kryvyi Rih, li tinsab fin-Nofsinhar tal-Ukrajna.
Residenti f’xi żoni intalbu biex jevakwa, iżda skont il-kap tal-belt Oleksandr Vilkul, is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll.
L-Ukrajna qalet li l-attakk kien vendetta mir-Russja għall-kontrattakk riċenti tagħha.
Il-President Volodymyr Zelensky – li twieled fil-belt – iddeskriva lir-Russja bħala “stat terroristiku” wara l-attakk fuq il-ġibjun ta’ Karachunivske.
“Intom nies dgħajfa li tiġġieldu kontra ċ-ċivili,” qal is-Sur Zelensky fl-indirizz tiegħu tard bil-lejl nhar l-Erbgħa. Iddeskriva lir-Russi bħala nies li wara li ħarbu mill-kamp tal-battalja, qed jippruvaw jagħmlu ħsara minn x’imkien ‘il bogħod.
Din kienet referenza għas-suċċessi militari riċenti tal-Ukrajna f’kontro-offensiva fir-reġjun ta’ Kharkiv, fil-Grigal tal-pajjiż. Din l-azzjoni rat lill-armata tal-Ukrajna tirkupra biċċiet ta’ territorju okkupat, u ġiegħlet lit-truppi Russi jirtiraw.