Tnediet il-kampanja Making Homes Fun, kampanja mmirata apposta sabiex anzjani li jgħixu f’diversi djar tal-anzjani f’Malta jibqgħu attivi f’kull ħin u f’kull mumet tal-ġurnata.
Dan ser isir permezz ta’ diversi attivitajiet differenti organizzati minn carers u helpers ddedikati u mħarġa professjonalment. L-attivitajiet b’xi mod jew ieħor ser jolqtu l-gosti jew talent tal-anzjani, fosthom attivitajiet fejn jidħol l-ikel u tisjir, tpinġija, suf u anke sports.
Ma’ One News diversi anzjani residenti f’din id-dar li fiha tnediet l-inizjattiva u li diġà bdew jikkontribwixxu minnha faħħru bis-sħiħ dan il-proġett.
Il-proġett pilota għal dan beda fl-elfejn u sbatax fid-dar tal-anzjani fl-Imsida, fejn wara li r-riżultati kienu ferm pożittivi fuq madwar seba’ mitt anzjan, ġie deċiż biex din is-sena tinfirex ukoll fl-Imtarfa, Mellieħa u Mosta.
Is-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis saħaq li din l-inizjattivà, li tifforma parti mill-proġett anzjanità attiva, ser ittejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ dawn l-anzjani.
Spjega kif “L-iskop aħħari huwa li kull anzjan jgħix kwalità għolja ta’ ħajja mimlija ħajja, mimlija ferħ, mimlija paċi, u qiegħed jagħmel xi ħaġa li jieħu pjaċir jagħmel. U allura din tressqu lejn dak li ħalla warajh meta kien fid-dar tiegħu.”
Id-direttur fid-dipartiment tal-anzjani Patrick Vella, faħħar bis-sħiħ dan il-proġett u qal li d-diskussjonijiet mal-Kulleġġ Malti għax-Xjenz u t-Teknoloġija l-MCAS dwar il-kors fuq l-anzjanità waslu fi tmiemhom.