L-Erbgħa, Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, kellu laqgħa ta’ djalogu ma’ ħaddiema taċ-ċivil li huma wkoll studenti universitarji fil-korsijiet li jsiru b’mod konġunt mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.
Huma qasmu l-esperjenza tagħhom miegħu. Dan kien l-ewwel djalogu tax-xorta tiegħu li qatt sar fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
Matul dan id-djalogu, li kellu t-tema ‘Sehem l-Università ta’ Malta b’risq il-professjonalità tal-uffiċjali pubbliċi’, qasmu ħsibijiethom id-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accounting, Emanuel Said, il-Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika, Mario Thomas Vassallo, kif ukoll il-Prinċipal tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, Keith Bartolo.
Mario Cutajar fakkar li s-Servizz Pubbliku jistrieħ fuq l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi mhux biss għat-tagħlim u t-taħriġ tal-impjegati tiegħu iżda wkoll mill-aspett tar-riċerka.