Illum sar it-tieni djalogu konsultattiv dwar is-servizzi diġitali fis-servizz pubbliku, liema huwa meqjus l-akbar investiment diġitali, b’fond ta’ €40 miljun li parzjalment huma minn fondi Ewropej.
Is-Segretarju Permanenti tal-Gvern, Mario Cutajar, qal li t-teknoloġija saret parti integrali fis-servizz, fil-ħajja ta’ kuljum u hija qafas li fuqu jrid jiffoka s-servizz kollu.
L-ewwel riforma teknoloġika fis-servizz pubbliku saret fis-snin disgħin, iżda kien hemm żmien fejn batta dan is-servizz. Fl-2013, mal-bidla fil-Gvern, kompla jidher il-bżonn tat-teknoloġija fis-servizz pubbliku, u b’hekk il-Gvern imbarka fuq il-proġett Converge, li qed isservi bħala pjattaforma biex issolvi l-problemi taż-żminijiet ta’ qabel filwaqt li s-settur pubbliku jkun aġġornat u janalizza il-bżonnijiet tas-servizzi fil-futur.
Malta hija l-ewwel fl-Ewropa fejn jidħol is-servizz diġitali mogħti mill-Gvern. Fost is-servizzi, il-Gvern beda jipprattika l-Once only principle, dan ifisser li jekk persuna jew kumpanija tbiddel l-indirizz postali, permezz ta’ dan il-prinċipju, tbiddlu darba u kull dipartiment tal-gvern ikollu kopja tal-indirizz il-ġdid. Dan ifisser li se tkompli titnaqqas il-burokrazija fis-settur pubbliku, li dan l-aħħar sitt snin ħadem b’mod indipendenti.