Wara nuqqas ta’ seba’ snin, DJ Tiesto se jirritorna pajjiżna biex għal darb’oħra jheżżeż il-folla bil-melodija partikolari u qawwija tiegħu.
Magħruf l-aktar għas-suċċessi li kiseb fis-snin elfejn, b’diski bħal In My Memory, Lethal Industry, u Traffic, isem Tiesto jqanqal memorji mill-isbaħ għall-ġenerazzjonijiet li llum jista’ jkun qatgħu lura mix-xena mużikali.
Ċertament li r-ritorn tad-DJ Olandiż f’pajjiżna fit-13 ta’ Lulju se joffri ċ-ċans għaż-żagħżagħ tal-mument biex huma ukoll jagħmlu l-memorji ma’ dan il-ġgant tal-mużika trance.
Anke jekk il-gosti llum inbidlu xi ftit, u t-trance m’għadux daqstant popolari f’pajjiżna, l-istatus leġġendarju ta’ Tiesto kapaċi jiġbed il-follol lejn Ta’ Qali, fejn se jsir il-party l-ġimgħa d-dieħla. Dan anke grazzi għal suċċessi riċenti, bħar-remix tiegħu tad-diska ta’ John Legend, All Of Me, li saħansitra rebbħitu Grammy Award.
Lil’hinn mid-diski leġġendarji tiegħu li ma jmutu qatt, nhar l-Erbgħa 13 ta’ Lulju nistennew li nisimgħu ukoll għadd ta’ diski mill-aħħar album tiegħu; A Town Called Paradise; li ħareġ fl-2014.