DJ Taljan ingħata 9 xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li bagħbas tifla ta’ 17-il sena fost akkużi oħrajn.
Giovanni Trio għamel dan wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke l-Erbgħa waranofsinhar hekk kif kien akkużat li ssuġġetta lit-tifla għal atti b’konnotazzjonijiet sesswali u li kkawżala l-biża’ fost affarijiet oħrajn.
Trio li għandu 29 sena, ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika u li pprova juża’ l-forza fuq it-tifla bl-intenzjoni li jdejjaqha jew li jweġġagħha.
Wara li ġie infurmat li l-ammissjoni tiegħu tista’ twassal għal sentenza ta’ priġunerija, il-Maġistrat, apparti s-sentenza ta’ priġunerija sospiża, ordnat li l-imputat jitpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni għal sentejn.
Dan filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni wkoll fuq il-vittma.