‘Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus’, ‘Bil-flus tagħmel triq fil-baħar’. ‘Il-Malti tmisslux il-but.’
L-ekonomija hija suġġett tan-nies. Kliem bħal ċekk, dejn, flus, borża, ishma, investiment, għoli tal-ħajja, paga, taxxa, qliegħ jintuża minn kulħadd u kull ħin.
L-ekonomija hija suġġett tal-aħbarijiet. Bejgħ bl-Ingrossa, bejgħ bl-imnut, provvista, defiċit, surplus, Prodott Domestiku Gross, inflazzjoni, riċessjoni, suq ħieles u oħrajn.
L-ekonomija hija wkoll suġġett speċjaliżżat. Kurva ta’ Phillips, diversifikazzjoni ekonomika, kartell, kompetizzjoni perfetta, politika fiskali, makro ekonomija u ferm iktar. Dan huwa kliem li jifhmu biss min jaf is-suġġett.
L-Università ta’ Malta nediet ‘Dizzjunarju Speċjalizzat: Ekonomija’, miġbur mill-ekonomista l-Professur Lino Briguglio u editjat mill-Professur Michael Spagnol, Thomas Pace u Dwayne Ellul. Dan id-dizzjunarju speċjalizzat ġie ppubblikat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università.
Fil-kuriduri tal-Università f’Tal-Qroqq iltqajna ma’ Dwayne Ellul wieħed mill-Ko-edituri ta’ dan id-dizzjunarju li spjegalna minn fejn nibtet l-idea li tinbena din il-ġabra ta’ termini.
‘Fil-fatt beda minn post fuq facebook. Kien hemm xi ħadd li tella’ xi poster. Qamet diskussjoni jekk hux Prodott Domestiku Gross jew Prodott Gross Domestiku. Wieġeb il-Profs. Brigulio, espert tal-ekonomija u awtur tad-dizzjunarju. Wara daħal il-Professur Micheal Spagnol u talbu biex jaħdem fuq it-termini tal-ekonomija bil-Malti, u flimkien miegħi u Thomas Pace ħdimna flimkien.’
Id-dizzjunarju se joħloq standard ta’ għadd ta’ termini, mhux biss għall-benefiċċju tar-riċerkaturi u l-akkademiċi tal-qasam ekonomiku, imma wkoll għall-awturi, l-għalliema, il-ġurnalisti, it-tradutturi, u dawk kollha li jkunu jixtiequ jiktbu fuq dan is-suġġett bl-ilsien Malti.
“Għandu jkun fil-librerija ta’ kulħadd għax il-Maltin il-but jagħtu kasu ħafna. Allura kull min tinteresssah l-ekonomija għandu jkollu kopja. Jekk jien ekonomista u mistieden fuq programm ta’ aħbarijiet u se nagħti opinjoni fuq l-ekonomija għaliex m’għandix inkun imħejji bit-termini li ħa niġi bżonn nuża. Se niġi bżonn għadd ta’ termini. Għandu jkun ukoll fuq xkafef tal-ekonomisti, tal-għalliema, ta’ min qed jgħallem l-ekonomija għax barra li fih il-kliem għandek ukoll spjegazzjoni tal-kunċetti ekonomiċi.”