Minn analiżi li saret dwar 86 serial killers nisa fl-Istati Uniti nstab li ħafna minnhom kienu jbatu mill-*Munchausen Syndrome, diżordni mentali bħal meta persuna tivvinta li hi marida biex tiġbed l-attenzjoni u s-simpatija. Uħud min-nies b’din il-kundizzjoni jkollhom tagħrif tajjeb dwar il-mard, u għalhekk ikunu kapaċi jivvintaw sintomi biex jiġġustifikaw il-mard fittizju tagħhom.
one.com.mt tkellem ma’ Eddie Attard, awtur ta’ ‘Qtil min-Nisa’, u li fih jagħti ħarsa lejn il-kobba mħabbla ta’ wħud mill-omiċidji mwettqa, fost oħrajn, minn dawn is-serial killers.L-istoriku tal-kriminalità jgħidilna li mill-analiżi li saret insatab li ħafna drabi anke l-vittmi tagħhom kienu żwieġhom, uliedhom, jew nies anzjani. Barra minn hekk, il-mod ta’ kif sar id-delitt kien differenti minn dak ta’ qattiela rġiel. Infatti, l-użu tal-armi tan-nar minn dawn in-nisa kien ferm inqas minn tal-omiċidji mwettqa mill-irġiel.
B’referenza għall-motivi tas-serial killers nisa, Attard qal li dan kien u għadu differenti minn dawk tal-irġiel.
“Filwaqt li ħafna mis-serial killers irġiel qatlu minħabba l-kilba għas-sesswalità, mhux l-istess jista’ jingħad għall-qattiela nisa.”
Madankollu, dak li wettqu n-nisa fl-Ungerija fl-Ewwel Gwerra Dinjija, kien riżultat tan-nuqqas ta’ attività sesswali li nisa sabu ruħhom fiha wara li żwieġhom marru għall-gwerra.”
Spjega kif l-erba’ motivi prinċipali tas-serial killers nisa huma l-edoniżmu, jiġifieri li persuna toqtol għall-gost. Hemm ukoll il-motiv viżjonarju, jiġifieri li l-mara toqtol għax taħseb li wara d-delitt se ttejjeb il-futur tagħha.
Ħafna minn dawn il-qattiela, kemm nisa kif ukoll irġiel, ibatu mill-psikożi, mard tal-moħħ li jġegħelhom jemmnu li Alla jew ix-xitan ikun qabbadhom joqtlu. Il-każ ta’ Andrea Yates li qatlet il-ħames uliedha, u li jitkellem dwaru fid-dettall fil-ktieb tiegħu, huwa każ tipiku ta’ din ix-xorta.
Motiv ieħor komuni tal-qattiela nisa huwa l-akkwist tal-flus. Ħafna drabi l-veleni jew id-drogi perikolużi huma użati f’dawn it-tip ta’ delitti. Barra minn dan, il-qattiela ma jkunux kuntenti bl-akkwist ta’ wara l-ewwel vittma, għalhekk iħallu ftit taż-żmien u jsibu vittmi oħra. Il-każ ta’ Dorothea Puente huwa wieħed klassiku.
Wieħed mill-każijiet xokkanti li jagħmel referenza għalihom fi ‘Qtil Min-Nisa’ nsibu l-każ ta’ Helen Golay u Olga Rutterschmidt, żewġ nisa anzjani ta’ 75 u 73 sena. Dawn in-nisa kienu jagħtu kenn lill-irġiel anzjani u jagħmlu poloz tal-assigurazzjoni fuqhom, imbagħad joqtluhom b’mod misterjuż u jieħdu l-flus mill-assigurazzjoni.
Fid-19 ta’ Mejju 2006, iż-żewġ nisa ġew mixlija b’disa’ akkużi ta’ frodi u xahar u nofs wara, ġew akkużati bil-qtil ta’ wieħed mill-vittmi tagħhom. L-akkużi kienu aggravati billi d-delitti saru għall-akkwist finazjarju u għalhekk il-prosekuzzjoni setgħet titlob il-piena tal-mewt. Iż-żewġ akkużati nstabu ħatja u t-tnejn ġew ikkundannati żewġ kundanni ta’ għomor il-ħabs u mingħajr ma jingħataw il-parole.
*L-isem ta’ din is-syndrome ġejja mill-Baruni Munchausen li kien jivvinta stejjer li kien jgħid li għadda minnhom.