L-awtoritajiet Ġappuniżi qalu li din is-sena se jirrilaxxaw aktar minn miljun tunnellata ilma mill-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Fukushima fil-baħar.
Skont l-operatur ta’ dan il-proġett, il-livelli tal-partiċelli radjuattivi qed jilħqu standards nazzjonali wara sensiela ta’ trattamenti u jistgħu jmorru fil-baħar. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) qed tgħid li dan huwa pass sigur, iżda l-pajjiżi ġirien tal-Ġappun qed jesprimu tħassib.
Id-diżastru ta’ Fukushima tal-2011 kien l-agħar inċident nukleari wara Chernobyl. Ix-xogħol biex jitneħħew l-effetti ta’ dan id-diżastru mistenni jieħu mill-inqas erba’ deċennji.
Is-segretarju ewlieni tal-kabinett Hirokazu Matsuno qal li r-rilaxx fl-ilma aktarx se jkun matul ir-rebbiegħa jew is-sajf, imma qabel il-Gvern se jistenna “rapport komprensiv” mill-IAEA.
Kuljum, l-impjant li jneħħi l-elementi radjuattivi jipproduċi 100 metru kubu ta’ ilma kontaminat, li huwa taħlita ta’ ilma ta’ taħt l-art, ilma baħar u ilma użat biex iżomm ir-reatturi f’temperaturi tajbin. Wara, dan il-materjal jiġi ffiltrat u maħżun f’tankijiet. Iżda b’aktar minn 1.3 miljun metru kubu li pproduċew, ma fadalx spazju fejn jinżamm.