Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jinsab diżappuntat ħafna bil-livell ta’ servizz li qed joffru l-Gwardjani Lokali fil-Belt Kapitali.
Filwaqt li l-Kunsill Lokali kontinwament qed jinforma lill-LESA, l-aġenzija risponsabbli mill-Gwardjani Lokali, dwar numru ta’ irregolaritajiet li qed isiru, stqarr li xorta waħda mhux qed tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Fi kliem il-Kunsill, l-attività fil-Belt qed tiġi kontinwament ostakolata minn numru ta’ inġenji ta’ kuntratturi li qed jostakolaw it-toroq u joħolqu periklu għall-publiku.
Ġie rrimarkat li hemm numru kbir ta’ sidien tal-ħwienet qed joħolqu inkonvenjenzi kbar billi joħorġu bla permess numru ta’ imwejjed u siġġijiet fit-toroq, kif ukoll bl-ammont ta’ iskart li qed jintrema illegalment f’postijiet u f’ħinijiet irregolari.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jinnota li qed ikun hemm ukoll abbużżi kontinwi fl-organizzazjoni tat-traffiku u bil-parkeġġ irregolari tal-karozzi.
“Din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjenzi kbar mhux biss lir-resideni tal-Belt Valletta, iżda lil dawk kollha li jidħlu l-Belt kemm Maltin kif ukoll turisti, li bir-raġun jixtiequ jaraw it-toroq tal-belt kapitali miżmuma u organizzata kif jixraq.