L-Għaqda Ġurnalisti Sports uriet id-diżaprovazzjoni tagħha għall-fatt li wara tliet ijiem mill-inċident li fih kien involut ġurnalist tal-isport, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football baqgħet siekta dwar dan il-każ u ma ħarġitx stqarrija ta’ kundanna u solidarjeta’ ma’ dan il-ġurnalist li jirraporta regolarment il-kompetizzjonijiet tal-MFA.
L-inċident seħħ nhar il-Ġimgħa fil-Hiberbians Stadium, meta membru tal-kumitat ta’ Birkirkara FC allegatament intimida u hedded lil dan il-ġurnalist. Dan il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija.
L-Għaqda Ġurnalisti Sports fi stqarrija qalet li tħoss li l-MFA kellha tirreaġixxi għal dan l-inċident kif tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet oħra ferm inqas “importanti” li jseħħu fil-football Malti.
Intant l-Għaqda Ġurnalisti Sports irringrazzjat lill-President ta’ Birkirkara Dr Adrian Delia li għamel kuntatt personali mal-ġurnalist involut fejn esprima solidarjeta’ u kkundanna dan l-aġir li sar minn din il-persuna rresponsabbli u immatura.