L-għada tat-telfa tat-tim nazzjonali tal-futbol kontra l-Gżejjer Faroe d-diżappunt fost bosta li jsegwu lit-tim u l-futbol Malti kien evidenti.
Jason Deguara li għomru u żmienu jsegwi l-football saħaq li telfa bħal din kontra tim żgħir tweġġgħu.
Deguara stqarr: “Issa saret abitutdni li nitilfu. Pero naħseb li din tmur ħafna oltre mit-telfa tal-bieraħ jiġifieri l-kwistjoni mhiex it-telfa tal-bieraħ, il-kwistjoni hi għalfejn qed insofru telfa wara l-oħra ma’ timijiet li normalment għaxar snin ilu konna nerbħulhom b’mod komdu. Inkluż lil Faroe Islands.”
Saħaq li qabel nippuntaw subgħajna lejn it-tim preżenti irridu naraw x’għamilna biex qed naqtgħu l-frott tal-lum.
Deguara tenna: “Li hemm illum huwa prodott ta’ 20 sena ilu.”
Ma’ dan l-istazzjon is-Sur Deguara saħaq li rridu naraw l-istampa b’mod wiesgħa u ninvestu fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
“It-tim nazzjonali mhux sejjer tajjeb għax hemm il-barranin. Fil-grass roots m’hemmx barranin. Fil-grass root it-tifel, it-tifla jitrabba. Jieħu dak li għandu bżonn. Plejer tal-futbol ma jsirx t’għoxrin sena ilu, plejer tal-futboll irridu ntuh dak li għandu bżonn f’etajiet żgħar biex niżviluppawlu t-talenti tiegħu”, sostna Deguara.
Deguara qalilna li hemm ukoll kwistjoni ta’ mentalità dwar kif inħarsu lejn il-logħob.
“Tlifna 1-0 imma prestazzjoni aċċettabbli. Sakemm nibqgħu b’dik il-kultura ma tistax tasal. Jiena tkun aċċettabbli biss għalija meta kontra tim kbir, enormi nġib dro tal-inqas pero kontra tim tampari tkun aċċettabbli meta nirbaħ,” kompla jgħid Deguara.
Staqsejnieh ukoll b’mod dirett dwar l-attitudni li ħa l-kowċ Malti għal din il-logħba u bla tlaqliq qalilna li pressjoni ntefgħet fuq it-tim Malti li imbagħad spiċċa tilef biex issa aktarx Malta se terġa’ tispiċċa fl-aħħar fil-grupp għal darb’oħra.
Deguara temm jgħid: “Bdejna nemmnu verament li nistgħu għall-ewwel darba wara ħafna snin ma niġux l-aħħar fil-grupp. U naħseb għalhekk jiena l-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia qisu tefa’ hype kbira fuq il-logħba għaliex verament għalina din kienet daqs final ta’ World Cup.”