Għaddej taħriġ biex il-Korpi Dixxiplinati kollha, jiġifieri d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, l-Universitá u l-akkademja tal-forzi dixxiplinati joħolqu diviżjoni ġdida magħrufa bħala Disaster Victim Identification jew aħjar DVI Malta.
Dan qed isir skont linji gwida tal-Interpol sabiex pajjiżna jimxi ‘l bogħod minn identifikazzjoni viżwali tal-vittmi mil-qraba. L-inċidenti jvarjaw minn inċidenti żgħar tat-traffiku sa diżastri naturali jew attakki terroristiċi.
Fl-istess waqt, matul il-Presidenza pajjiżna se jaħdem biex ikun hemm diviżjoni simili fuq skala Ewropea, dan fid-dawl li skont esperti barranin ma għadx hemm fruntieri bejn il-pajjiżi Ewropej u għaldaqstant kull stat għandu jkun ippreparat għal kull eventwalitá.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li dan huwa biss bidu ta’ proġett nazzjonali ferm akbar li kull ma jmur se jtejjeb l-abiltajiet tal-korpi dixxiplinati. Bħalissa hemm 36 membru f’din id-diviżjoni liema membri se jispiċċaw it-taħriġ fil-jiem li ġejjin.