Dividend ta’ €26.9 miljun mill-BOV
Il-Bank of Valletta ddikjara dividend, li jammonta għal €26.9 miljun gross, b’riżultat tal-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, fejn il-Bank ħabbar qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ mija u ħames miljun u mitt elf ewro, meta mqabbel mat-telf qabel it-taxxa ta’ €72.1 miljun.
Il-Bank qal li dan ifisser li se jkun qed jitqassam interim cash dividend ta’ €0.0462 gross għal kull sehem, li hu €0.03 nett mit-taxxa, suġġett għall-approvazzjoni regolatorja.
Iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, spjega kif id-dividend hu riżultat ta’ analiżi fil-fond u mill-ġbir ta’ dejta li wettaq il-Bank.
Id-distribuzzjoni tad-dividend lill-azzjonisti tiegħu tilħaq il-kriterji ta’ riskju u kriterji regolatorji oħrajn, li jiffokaw fuq is-saħħa u l-vijabilità tan-negozju tal-bank fil-ġejjieni. Dan hu bżonnjuż biex ikunu mħarsa l-aħjar interessi u l-aspettattivi tal-azzjonisti interessati.
Il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, saħaq li dan id-dividend ifisser li l-BOV għandu prestazzjoni finanzjara b’saħħitha u spjega li l-bank hu kommess li jkompli jissaħħaħ bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija f’Malta li tiffoka fuq il-klijent, l-eċċellenza u l-innovazzjoni
Id-dividend, mistenni jitħallas fis-6 ta’ Diċembru li ġej lill-membri rreġistrati fuq ir-reġistru tal-bank kif miżmum fil-Borża ta’ Malta sa għeluq il-ġurnata tan-negozju tat-Tlieta, 21 ta’ Novembru ta’ din is-sena.