Attività li ssir kull sena mix-xufiera tat-taxis il-bojod hija ġurnata divertenti immirata għall-madwar mitt tifel u tifla minn homes differenti f’Malta li ilha ssir għall-aktar minn erbgħin sena.
Sa minn sbieħ il-jum ix-xufiera tat-taxis jgħaddu għat-tfal u l-carers tagħhom u jwasslu lit-tfal għall-ġurnata ta’ avventura.
Għajnejn Daniela Messina Ferrante jixhdu s-sodisfazzjon tagħha u tat-tim, li laqgħet fil-kumpless lil dawn it-tfal.
“It-tfal hawnhekk ħadu pjaċir ħafna qattgħu ġurnata magħna. Qagħdu fil-park, kielu, xorbu, qagħdu jilagħbu fuq il-bandli, raw il-ġonna li għandna hawnhekk, għandna mużew tat-trasport, għandna l-presepju wkoll. Qattgħu ġurnata u ħadu ħafna pjaċir li lanqas iridu jitilqu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Għaqda tal–White Taxis Malcolm Ciantar spjegalna il-ħsieb wara din il-ġurnata filwaqt li tana ħjiel tal-kumplament ta’ dak li kien hemm imħejji għal dawn it-tfal.
“It-tfal ikunu qed jistennewha wkoll allura hija xi ħaġa li bqajna ta’ kull sena nibdew norganizzaw minn qabel. Ikun hemm nies li jgħinuk biex torganizzaha u bqajna għaddejin biha hekk. Nitilqu minn hawnhekk hemm tal-ġelat jistenniena, immorru s-cinema, il-Hilton għandna l-party filgħaxija, inqassmulhom ir-rigali u nibqgħu sejrin lejn il-homes minn hemmhekk.”
Sr Firdaus tkellmet ma’ One News dwar kemm it-tfal jistennew bi ħġarhom din il-ġurnata.
“The children are enjoying themselves, they like it very much. Every year they wait for this. They always ask when they are going with the taxis. This is good for them, even to meet each others from other homes.”
Il-laqgħa ta’ One News ma’ dawn it-tfal intemmet billi sellimnilhom fi triqithom lejn it-talkies, rekbin it-taxis u eskortati minn żewġ uffiċjali bil-mutur ta’ Transport Malta.