Il-kumpanija ewlenija tal-cruise liners, Costa Cruises, organizzat it-tnedija dinjija tal-Calypso Abyss Party tagħha fil-Barrakka ta’ Fuq. L-avveniment attira folla kbira li ġiet milqugħa minn salut tal-kanuni, segwita minn proġettazzjoni fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu, mdawra bil-Port il-Kbir.
Din kienet parti mis-“Sea Destinations”, innovazzjoni esklussiva li se tagħmel l-esperjenza tal-ivvjaġġar mal-Costa aktar unika u indimentikabbli. Dawn huma destinazzjonijiet tassew ġodda, li għandhom jiġu skoperti abbord il-vapuri tal-linja waqt li jkunu qed jinnavigaw, b’mumenti meraviljużi li jirrakkontaw postijiet ikoniċi inklużi dawk f’pajjiżna.
B’dan il-mod, flimkien mad-destinazzjonijiet “klassiċi” fuq l-art, bħal Santorini, Mykonos, Kreta jew Zakynthos, l-itinerarji tal-Costa Cruises se jieħdu lil dawk li jixtiequ jiskopru destinazzjonijiet ġodda bejn is-sema u ilma.
Costa Cruises għażlet lil Malta għal din it-tnedija dinjija bħala rikonoxximent għar-relazzjoni li ilha teżisti tal-kumpanija ma’ pajjiżna, li tmur lura għal aktar minn sitt diċenji minn meta l-ewwel vapuri tagħha bdew jidħlu fil-Port il-Kbir.
L-avveniment, li se jkun qed jiġi rreklamat madwar id-dinja biex juri lil Malta bħala destinazzjoni straordinarja, kellu l-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Dan se jilħaq l-akbar ammont ta’ klijenti permezz tan-netwerk estensiv u dinji tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, bil-pubblikazzjonijiet għat-turisti, midja soċjali u anke influencers.
Waqt l-attività, SMSMondial, l-aġenti ta’ Costa Cruises f’Malta, niedew il-brochure tagħhom għas-sajf 2025 bi vjaġġi li jibdew u jispiċċaw f’Malta. Dan jinkludi roħs speċjali lil dawk kollha li jitħajru u jagħżlu xi destinazzjoni b’mod bikri.
Għal aktar informazzjoni, wieħed għandu jżur is-sit fuq www.smsmondial.com.mt.