Għat-tieni sena konsekuttiva sat-tlieta u għoxrin ta’ Dicembru, biswit il-junction tal-Marsa, f’parti mill-parkeġġ qed jerġa’ jittella l-villaġġ tal-Milied bit-tema “Christmas under the Bridge” fejn intramaw diversi bankarelli, b’ikel tradizzjonali tal-Milied, xogħol ta’ artiġjanat, u logħob għat-tfal fost oħrajn.
Tkellimna ma’ wieħed mill-organiżżaturi dwar l-attrazzjonijiet prinċipali fi “Christmas under the Bridge” għal din is-sena.
Qal, ‘Ovvjament dak kollu li l-Maltin iħobbu f’dawn il-festi tal-Milied – ikel, mużika, kant, żeffiena, ovvjament it-top thing li se nagħmlu f’dan il-villaġġ, huma l-parati bil-karrijiet imdawwlin, biż-żeffiena tagħhom, divertiment għall-familja kollha.’
Mis-sittax ta’ dan ix-xahar se jittellgħu żewġ parati kuljum, b’karrijiet armati apposta għall-okkażjoni, bid-dwal fl-isfond tal-għanjiet tal-Milied.
Din is-sena, f’din l-attività qed jagħti sehmu wkoll iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta.
Barra dan, il-Kunsill Lokali tal-Marsa qed itemm is-sena kulturali tal-Marsa permezz ta’ din l-attività.
Dominic Spensor, kunsillier Marsi responsabbli mill-kultura tkellem magħna dwar sehem il-Kunsill Lokali tal-Marsa, f’din l-okkażjoni.
Qal, ‘Is-sehem tal-Kunsill Lokali tal-Marsa f’dan il-Christmas Village beda s-sena l-oħra, kellna l-ftuħ tas-sena kulturali, issa li wasalna fi tmiem, għada se jkollna programm sħiħ li nistieden il-poplu kollu Malti u Għawdxi jattendi għalih, bħal ma kellna ftuħ formidabbli, ikollna ukoll attività kbira fil-Christmas under the Bridge.’
Id-dħul huwa bi ħlas.