Stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta sab li tul l-aħħar ħmistax-il sena, l-ammont ta’ studenti li telqu mill-iskola qabel iż-żmien naqas bin-nofs grazzi għal diversi inċentivi.
Fost oħrajn il-Ministru Edukazzjoni Justyne Caruana semmietilna t-tisħieħ tal-istituzzjonijiet edukattivi id f’id mal-opportunità li għandhom l-istudenti llum il-ġurnata li jistudjaw suġġetti vokazzjonali.
Hija qalet, “Qed nagħtu iktar opportunità biex ninvestu fil-ħiliet ta’ kull student u studenta li għandna fl-iskejjel tagħna. Ovvjament wieħed irid jidentifika l-potenzjal u jaħdem fuqu biex jimmassimizzah.”
Dawk li jkomplu bl-istudju terzjarju tagħhom żdiedu u għal dan il-Ministru Caruana sostniet li aktar ma jmur l-istudenti qed jindunaw li l-edukazzjoni hija verament iċ-ċavetta tal-futur.
Għaldaqstant qed jiggradwaw persuni bi kwalifiki u ħiliet diversi.
Il-Ministru Caruana sostniet: “Ikollok ċirkostanzi fejn ikollok ħaddiema tajbin imma minħabba nuqqas ta’ kwalifiki ma jkollhomx kundizzjonijiet tajbin daqs min għandu, u dak jinċentivahom. Dan l-aħħar konna qed nitkellmu mal-Kamra tal-Kummerċ fuq dan u allura ħa nkunu qed naħdmu fuq diversi miżuri biex il-ħaddiema tagħna jkollhom aktar opportunità li jitħarrġu u jikkwalifikaw irwieħhom saħansitra anki minn fuq il-post tax-xogħol.”
Ftit tal-ġimgħat ilu tnediet konsultazzjoni pubblika li tirrigwarda early school leavers hekk kif il-Ministru Caruana sostniet li dan il-Gvern għandu miri ċari biex minkejja ċ-ċertifikati pożittivi li jirċievi pajjiżna f’dan ir-rigward, ikompli jnaqqas dan in-numru.
Hija sħaqet: “Kull persuna li toħroġ mill-iskola kmieni jew mingħajr ħiliet ifisser li dak l-investiment li għamilna matul is-snin ma ssarrafx allura rridu naraw li kull investiment li nagħmlu jissarraf fil-ġid u fil-ħiliet tal-persuni u fl-aħħar mill-aħħar fil-kwalifiki.”