Fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, bosta ħaddiema minn entitajiet differenti fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur għamlu xogħol ta’ volontarjat mal-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, ħareġ kif iż-żgħażagħ huma l-qalba tal-volontarjat f’pajjiżna u għandhom sehem importanti biex ix-xogħol volontarju jibqa’ b’saħħtu.
Qalu kif, “Aħna ġejna hawnhekk biex immiddu jdejna u mhux biss biex nassistu minn aspett regolatorju. F’dan is-sens huwa importanti li kulħadd imidd jdejh fil-volontarjat huwa parti fundamentali mis-soċjetà tagħna u huwa importanti li nibqgħu nsaħħu u b’hekk jibqgħu jibbenefikaw il-membri tal-għaqdiet volontarji diversi… Illum ġejt mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat biex nagħmlu xogħol volontarju, jiena kont student worker u nħeġġeġ studenti żgħażagħ oħra jagħmlu l-istess.”
Il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-volontarjat, Julia Farrugia Portelli qalet kif iż-żgħażagħ huma ċ-ċavetta biex il-volontarjat jibqa’ sostenibbli.
Qalet, “Il-volontarjat huwa s-sisien ta’ ħafna servizzi li noffru fil-pajjiż u allura l-element taż-żgħażagħ li jagħtu s-sehem tagħhom, huwa xi ħaġa importanti f’ħafna għaliex il-futur tal-volontarjat jiddependi allura wkoll fuq iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”