Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri ddiskuta r-relazzjoni b’saħħitha ta’ bejn Malta u l-Libja, mal-Ministru għall-Intern Libjan, Emad Al-Trabelsi.
Dan f’laqgħa li kellhom fil-bażi marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben.
It-tnejn iddiskutew il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tas-sigurtà, it-taħriġ li l-Forzi Armati ta’ Malta qed jagħtu lill-awtoritajiet Libjani fosthom fis-salvataġġ, u l-immigrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Malti qal li r-relazzjoni bejn Malta u l-Libja, kulma jmur qed tissaħħaħ, anki permezz tat-taħriġ li l-awtoritajiet Libjani ħadu f’pajjiżna fl-aħħar jiem.
“Illum ilqajt f’Malta lill-Ministru Libjan għall-Intern li miegħu stajna nosservaw it-taħriġ li fl-aħħar jiem, uffiċjali fil-Ministeru tal-Intern kienu qed jirċievu ġewwa pajjina flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta. Permezz ta’ dan it-taħriġ qed naraw li nkunu preparati iżjed, mhux biss fejn jidħol manuvri fuq il-baħar, kif ukoll search and rescue, iżda wkoll sabiex ikollna kapaċità anki flimkien, biex niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin fil-baħar tal-Mediterran.”
Il-Ministru Libjan Al-Trabelsi tkellem b’mod pożittiv ħafna dwar it-taħriġ li qed jirċievu l-awtoritajiet ta’ pajjiżu f’Malta, bil-għan li jkunu f’pożizzjoni aħjar li jinfurzaw il-liġi u jeliminaw il-kriminali involuti fit-traffikar uman.
Fi tmiem il-laqgħa, iż-żewġ Ministri setgħu jsegwu t-taħriġ li qed jingħataw l-awtoritajiet Libjani fuq il-baħar.