“Le għall-liġi Russa”, “Slovakkja hija Ewropea”, kienu d-diversi għajtiet mid-dimostranti li ħarġu fit-toroq ta’ Bratislava jipprotestaw kontra abbozz ta’ liġi li, skont huma, se tkun qed tnaffar ix-xogħol ta’ għaqdiet mhux governattivi.
Id-dimostrazzjonijiet fil-belt kapitali Slovakka u ħames t’ibliet oħra huma parti mill-protesti li bdew wara li l-Prim Ministru Robert Fico, f’Diċembru li għadda mar Moska għal taħditiet mal-President Russu Vladimir Putin.
Id-dimostranti qed jisħqu li l-leġiżlazzjoni approvata mill-Parlament se tkun qed toħnoq il-libertà tal-espressjoni u tfixkel ix-xogħol ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Fost il-miżuri f’din il-leġiżlazzjoni hemm li l-NGOs iridu jippubblikaw rapporti bid-dettalji tal-mexxejja tagħhom u ta’ donaturi li jkunu kkontribwew aktar minn €5000 fis-sena.
Min-naħa tiegħu l-Gvern qed jgħid li din il-miżura se tkun qed tagħti aktar trasparenza fil-finanzi u l-funzjoni ta’ gruppi ċivili.
Il-Parlament approva din il-miżura fis-17 t’April bl-appoġġ tal-Prim Ministru Robert Fico li kemm-il darba attakka lill-organizzazzjonijiet non governattivi.
Il-President Peter Pellegrini, li huwa alleat ta’ Fico, għadu ma kkummentax dwar dan l-abbozz, għalkemm riċentament ikkritika l-politika ta’ Fico. Huwa għandu sat-2 ta’ Mejju sabiex jikkonsidra din il-leġiżlazzjoni.
Sadanittant Fico qed jippjana li jattendi l-parata militari tad-9 ta’ Mejju f’Moska li se tikkommemora t-80 anniversarju minn mindu n-Nażi Ġermaniża tilfet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-ebda mexxej fl-Unjoni Ewropea ma ħabbar li kien se jagħmel dan.
Illum, il-Ġimgħa, hemm ippjanati protesti f’20 lokalità madwar l-Islovakkja u lil hinn.