Diversi pitturi li b’mod temporanju tneħħew mill-mużew nazzjonali l-MUŻA bħala miżura ta’ prekawzjoni, se jerġgħu jitpoġġew f’posthom fil-jiem li ġejjin.
Dan seħħ peress li l-pitturi għadhom qegħdin jidraw il-post il-ġdid ġewwa l-berġa tal-Italja, u għaldaqstant huma sensittivi għal bidliet fil-livelli tal-umdità.
Spjega dan il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Il-Ministru għall-Kultura stqarr li “In-nies ta’ Heritage Malta ddeċiedew li sakemm dawk il-livelli ta’ umdità jiġu lura għan-normal, u kollox jindika li dawn għall-livell normali b’mod imminenti, kollox jidher li huwa tajjeb, imbagħad il-pitturi jerġgħu jitwaħħlu”.
Saħaq li dan il-pass sar peress li l-mużew huwa mgħammar bl-aqwa teknoloġiji u prattiċi fil-qasam tal-preservazzjoni. Dan bis-saħħa tal-investiment qawwi tal-gvern fis-settur kulturali permezz ta’ dan il-mużew.
Il-Ministru Bonnici sostna li dan seta’ jsir “Għax investejna għaxar miljuni f’mużew state of the art għandna dawn ir-reading systems li jindikaw meta jkun hemm livelli għoljin ta’ umdità. Issa l-esperti qed jaraw għaliex seħħ hekk, għaliex il-livell tal-umdità għola”.
Iżda sfortunatament, l-Oppożizzjoni ddeċidiet li tattakka din il-miżura ta’ prevenzjoni li ħa l-Gvern biex numru ta’ pitturi ma jibqgħux għall-wiri sakemm jiġi assigurat li s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.
Fisser li l-ħaddiema ta’ Heritage Malta għamlu xogħol siewi.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li “Ir-responsabilità kienet tqum kieku m’għamilniex reading system, u kieku minkejja r-readings li għola aħna ma tajniex każ. Il-Heritage Malta staff kif raw li r-readings ogħlew, neħħew il-pitturi b’mod preventiv u dawn ħa jerġgħu jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin”.
Dr Bonnici tenna li ma saret l-ebda ħsara lill-biċċiet tal-arti f’dan il-mużew.