Disa’ persuni arrestati mill-Pulizija waqt rejd b’rabta ma’ traffikar ta’ droga f’żewġ residenzi fi Triq l-Isptar il-Qadim, il-Belt Valletta.
Ir-rejd kienet immexxija minn Uffiċjali tar-Reati Maġġuri, bl-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett, l-iSpecial Intervention Unit u l-Pulizija fil-Komunità.
Il-Kelliem għall-Pulizija, Brandon Pisani qal li l-Uffiċjali tal-Pulizija kienu ilhom għal diversi jiem jissorveljaw l-akwati. L-operazzjoni tal-lum bdiet għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħdou x’ħin bdew it-tfittxijiet fir-residenzi kkonċernati wara li ħareġ mandat mill-Qorti sabiex isir dan.
Waqt din l-operazzjoni seba’ irġiel u żewġ nisa ġew arrestati filwaqt li għadhom għaddejjin it-tfittxijiet għad-droga u evidenza oħra b’rabta ma’ dan il-każ. S’issa għadha mhux magħrufa r-rabta bejn il-persuni arrestati għalkemm hu mifhum li hemm qraba u ħbieb.
Dwar dan il-każ kienet infurmata l-Maġistrat Gabriella Vella li fetħet inkjesta Maġisterjali u ħatret diversi persuni biex jassistuha, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.