L-għada li n-nominat tal-Gvern Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, ġie assenjat b’portafoll wiesa’, li jinkorpora l-oqsma taż-żgħażagħ, il-ġustizzja inter-ġenerazzjonali, l-isports u anke l-kultura, diversi assoċjazzjonijiet u għaqdiet komplew jilqgħu bi pjaċir tali responsabbiltajiet.
Tali portafoll iġorr miegħu baġit b’saħħtu ta’ aktar minn 13-il biljun ewro u, fost l-oħrajn, jara li jsib modi differenti biex jinvolvi liż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni Ewropea kollha.
Fost dawk li rreaġixxew għal din l-aħbar l-Erbgħa kien hemm l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, li tenniet li d-dekasteru tan-nominat Malti għandu l-potenzjal biex itejjeb is-settur li tirrappreżenta hi, waqt li awgurat lil Micallef għall-proċess biex jinħatar Kummissarju.
Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li r-rwol li ngħata Micallef hu wieħed kruċjali biex iż-żgħażagħ jingħataw sehem aktar attiv, bħal f’espressjonijiet kulturali u biex is-settur tal-isport jimxi ’l quddiem fl-Unjoni Ewropea.
Żiedet li dan il-portafoll se jkollu impatt sinifikanti fuq it-turiżmu fl-Unjoni Ewropea, hekk kif dawn is-setturi jmorru id f’id, anke biex pajjiżna jibbenefika minn aktar tkabbir ekonomiku.
Intqal li l-isforzi ta’ Micallef se jkunu pożittivi u se jkomplu jagħmlu lil pajjiżna destinazzjoni ta’ kwalità u b’ekonomija reżiljenti, waqt li xogħlu mhux biss se jkompli jtejjeb l-inizjattivi sportivi u kulturali, iżda wkoll futur aktar vibranti u sostenibbli għat-turiżmu u l-iżvilupp tas-soċjetà.
Anke għaqdiet li jirrappreżentaw iż-żgħażagħ u l-istudenti laqgħu din l-aħbar.
Fil-fatt, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ta l-appoġġ lil Micallef għall-portafoll importanti li ngħata, anke għall-fatt li jindirizza problemi li jaffettwaw liż-żgħażagħ.
Il-KNŻ innota li, bħala l-iżgħar kummissarju nominat, Micallef għandu jipprijoritizza problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ, fosthom cyberbullying u anke l-impatt tas-saħħa mentali li qed tħalli l-midja soċjali.
L-għaqda studenteska Pulse, li wkoll awgurat lil Micallef, ma qablitx ma’ dawk li sejħu l-portafoll li ngħata bħala wieħed dgħajjef jew ta’ inqas importanza u sejħu tali kritika bħala qarrieqa u ta’ dannu.
Il-Pulse spjegat kif iż-żgħażagħ huma l-pedament għall-futur ta’ pajjiżna u dan juri n-nuqqas ta’ viżjoni minn stqarrijiet simili.
Anke l-organizzazzjoni internazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej faħħret il-portafoll li ngħata Micallef u qalet li se jindirizza l-prijoritajiet taż-żgħażagħ biex tinbena Ewropa li tappoġġja lil din il-faxxa tal-popolazzjonijiet.
Kumitati u assoċjazzjonijiet sportivi lokali wkoll faħħru l-importanza tal-portafoll mogħti lin-nominat Malti.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti, Kevin Azzopardi, stqarr li hu kburi li Malti ġie nnominat bħala Kummissarju Ewropew responsabbli mill-isport.
Waqt li awgura lil Micallef, Azzopardi qal li jinsab ħerqan biex jaħdmu miegħu u jippromwovu l-iżvilupp u l-benesseri fl-isports kif ukoll l-atleti fl-livell lokal u anke fl-livell Ewropew.
Anke l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, laqgħet l-allokazzjoni tal-portafoll sportiv Ewropew lil Micallef u awguratlu għall-passi li jmiss biex jilħaq il-Kummissarju l-ġdid ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech faħħar lil Glenn Micallef għar-rwol il-ġdid tiegħu u jinsab ħerqan biex jaħdem miegħu biex ikomplu jagħmlu l-industrija tal-films aktar b’saħħitha u dinamika.