F’dawn il-ġranet tal-maltemp, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ikun imħejji għal kull eventwalità li tista’ tinqala’ kawża tal-kundizzjonijiet tat-temp.
Bħalma kien previst, il-maltemp u riħ qawwi laqtu lill-gżejjer Maltin tul dan it-tmiem il-ġimgħa, meta kemm matul il-jum tas-Sibt u anke l-Ħadd ix-xita kompliet tippersisti b’irwiefen qawwija, li laħħqu Forza 9.
L-irwiefen ta’ matul il-lejl ikkawżaw ħsarat f’bosta toroq, speċjalment minħabba siġar li tqaċċtu u saħansitra karozzi li tela’ għalihom il-baħar.
Tletin vettura u ħames karozzi tal-linja, li kienu pparkjati ħdejn il-Port taċ-Ċirkewwa, ġarrbu diversi ħsarat, kawża tal-baħar li tela’ fuq l-art.
Crew ta’ dan l-istazzjon żar il-control room fi ħdan il-kwartieri tal-Protezzjoni Ċivili f’Ta’ Kandja, proprju fejn jidħlu t-talbiet għall-għajnuna mill-pubbliku.
Tkellimna mal-Istation Officer Anthony Grech, li spejgalna wħud mill-operazzjonijiet li assista fihom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd.
Żied jgħid li minkejja dan, matul il-jum tal-Ħadd, sal-ħin li morna aħna għall-intervista, ma ntalbet ebda assistenza għal każijiet marbuta mal-maltemp.
Qal, “Bil-lejl kien aktar busy minn matul il-ġurnata. S’issa llum, minn xħin daħal dan ix-shift, għall-grazzja t’Alla ma ġara xejn. Però matul il-lejl, kif tista’ timmaġina, siġar jaqgħu, billboards, jaqgħu u jitqaċċtu, railing ta’ penthouse, waqgħet, kellna apramorta Birkirkara waqgħet fuq il-karozzi, però ma kien hawn xejn ta’ barra minn hawn għas-saħħa ta’ riħ li kien hemm.”
Huwa semma kif f’Birżebbuġa, saħansitra waqa’ kontejner fuq ċint.
Hekk kif fil-jiem li ġejjin, dan il-maltemp mistenni jissokta, l-uffiċjal kellu udan l-appell.
Qal, “Fejn jaqbel, speċjalment fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, noqogħdu ’l bogħod mix-xtajta. Nevitaw il-periklu mill-mewġ li jista’ jitla’, għal fuq l-art u kemm jista’ jkun noqogħdu ġewwa sakemm jgħaddi dan ir-riħ, biex għallijista’ jkun titqaċċat xi siġra, ma jmurx taqa’ fuqek.”
L-uffiċjal appella biex kulħadd iżomm ’il bogħod mill-periklu.
Qal, “Biex dak li jkun dejjem iżomm ’il bogħod mill-periklu. Ma nafx hux veru jew le, fuq il-midja soċjali rajt perusna tistad ġo dal-baħar imqalleb. Dawn is-sitwazzjonijiet nevitawhom, ħalli ma npoġġux il-ħajja tagħna fil-periklu u lanqas il-ħajja ta’ min jiġi jsalvana. Dejjem ftakru li d-dar ħallejtu l-familja warajkom.”
Dan l-appell imur id f’id ma’ dak li għamel il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri li qal kif il-Forzi tal-Ordni ta’ pajjiżna huma ppreparati għal bosta ċirkostanzi imprevedibbli.
Dan filwaqt li ġie affetwat ukoll is-servizz tal-Gozo Channel.
Ir-riħ mistenni jkompli sat-Tnejn, u għandu jbatti fil-jiem ta’ wara.