Matul is-semestru edukattiv li jibda f’nofs Frar li ġej, l-Università ta’ Malta se toffri għażla ta’ suġġetti għal dawk li jixtiequ jtejbu u jkabbru l-għarfien tagħhom f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
Is-suġġetti jinkludu l-Astronomija, il-Produzzjoni tal-Inbid, il-Fotografija tan-Natura, id-Direzzjoni tal-Films, Ideat għall-Intrapriża u n-Negozju, il-Ħwawar u l-Mediċina, it-Trobbija tan-Naħal u l-Produzzjoni tal-Għasel u l-Immaniġjar tar-Riżorsi Umani.
Dan l-istazzjon tkellem mad-Direttur taċ-Ċentru għall-Arti Liberali u x-Xjenza, il-Professur David Mifsud, li spjega li kull suġġett ikollu massimu ta’ tmienja u għoxrin siegħa ta’ lezzjonijiet, li jkunu dejjem filgħaxija bejn is-sitta u t-tmienja għall-benefiċċju ta’ min jaħdem full-time.
“Għal dan is-semestru għaqqadna tnejn u għoxrin study-unit differenti akkreditati mill-Università ta’ Malta. Fil-fatt, flok eżamijiet nagħmlu assignment għal kull wieħed minnhom biex dak li jkun, m’għandux għalfejn jibża’.”
Apparti dawn il-korsijiet, qed jiġu offruti wkoll erba’ PLAS Tech Units, li huma mmirati l-iktar biex joffru opportunità lill-professjonisti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika biex isaħħu l-formazzjoni akkademika tagħhom b’emfażi partikolari fuq għażla ta’ teknoloġiji u għodda ta’ software kurrenti u emerġenti.
Il-punti tas-suġġetti offruti f’dan iċ-Ċentru jistgħu jingħaqdu ma’ punti ta’ korsijiet oħra biex jingħataw ċertifikati li jistgħu jwasslu saħansitra għal diploma u anki baċċellerat.
“Jien nappella lill-pubbliku biex japplikaw għalihom għaliex jipprovdu ħafna tagħlim u għerf.”
Matul dawn il-ġimgħat qegħdin jitqassmu fuljetti bid-dettalji tas-suġġetti offruti.
Kull min hu interessat jista’ japplika online fuq is-sit elettroniku tal-Università sal-25 ta’ Jannar.