Waqt konferenza, li ttellgħet biex telenka l-ħidma fl-aħħar sena u turi l-progress fuq l-istrateġija tal-LGBTIQ+, tnieda l-pjan t’azzjoni għas-snin 2023-2027 bl-iskop aħħari li tinħoloq komunità magħquda mingħajr diskriminazzjoni fejn jissemmew diversi fatturi u partijiet li għenu biex dan ikun jista’ jsir b’suċċess f’pajjiżna u anke barra.
Waqt l-indirizz tagħha għal din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, qalet kif ix-xogħol kbir li qed isir qed jiġi rifless anke fil-fatt li, għad-disa’ sena konsekuttiva, pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-klassifika fejn jidħlu drittijiet ċivili.
Minbarra hekk, semmiet kif, wara d-diversi passi ’l quddiem li saru, is-sena d-dieħla pajjiżna se jkun qed jippresiedi l-Kunsill Ewropew fejn irridu nkomplu nkunu ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn, b’mod speċjali fejn id-drittijiet ċivili ugwali huma nieqsa.
“Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Gvern għamel ħidma progressiva biex nassiguraw li Malta qiegħda fuq quddiem nett tad-drittijiet ċivili u, għaldaqstant, illum tajna elenku tax-xogħol kollu li sar matul l-aħħar sena biex nassiguraw dawn id-drittijiet ċivili jiġu mħarsa. Iżda, aktar minn hekk, tajna l-impenn tagħna biex, bħala Gvern, inkomplu mmexxu ’l quddiem din l-aġenda progressiva. Hu ta’ sodisfazzjon ukoll li dan il-Gvern dejjem jagħti r-riżorsi biex nassiguraw li din il-komunità tiġi mħarsa u tkun ħielsa minn kull diskriminazzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Waqt il-konferenza ġew indirizzati diversi temi, inkluż b’rappreżentanza minn diversi setturi u għaqdiet, b’mod speċjali, is-Social Care Standards Authority, li qed taħdem fuq l-adozzjonijiet f’pajjiżna, kif ukoll l-LGBTIQ Wellbieng Service, li servizz ġie mniedi ftit tal-ġimgħa ilu u diġà qed iħalli l-frott tiegħu b’għajnuna psikoloġika lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna.
Clayton Mercieca, Kap tad-Direttorat għad-Drittijiet Umani LGBTIQ+, qalilna li hu importanti li jkun hemm kollaborazzjoni bejn is-soċjetà ċivili, il-Gvern u l-privat biex il-bidla ssir.
“Inti mhux isiru l-affarijiet mill-Gvern u n-nies iridu joqogħdu għalihom. Ikun hemm djalogu kontinwu u l-impenji jkunu jidhru meta jkun hemm inizjattivi ġejjin mill-NGOs, mill-għaqdiet differenti, mis-settur privat stess li javviċinawk biex jitħarrġu u jiġu ssensittivizzati. Dawn huma kollha affarijiet frott tal-politika li kien hawn f’dawn l-aħħar żminijiet biex ikun hemm bidla għall-pożittività.”
Clayton Mercieca – Kap tad-Direttorat tad-Drittijiet Umani
F’isem l-MGRM, Alex Caruana, persuna transesswali, tkellem fuq l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom, inkluż hu personali.
Spjega kif hu kellu jbiddel id-dokumenti tiegħu billi jmur għand nutar u jiffirma kuntratt legali, fejn issa din l-possibilità se tkun tista’ ssir anke minn persuni non-binary, fejn mhux talli mhux se jkollhom male jew female imniżżel, imma anke jistgħu jbiddlu isimhom b’mod faċli, bħalma jsir minn dawk trans.
“B’dawn id-dokumenti, persuni bħali trans qed ngħixu ħajja relattivament normali, jiġifieri jekk jiena użajt l-ID Card, mhux se noqgħod ninkwieta, eżempju, meta nkun irrid immur il-bank, jiġifieri din hi liġi vera sempliċi u forsi n-nies hemm barra mhumiex trans lanqas biss se jaħsbu fuqha ovvjament. Imma għalina tbiddlilna ħajjitna.”
Alex Caruana – mill-MGRM