Union li tirrappreżenta ħaddiema fil-qasam tal-midja, t-Tnejn qalet li l-awtoritajiet fit-Turkija ġabru diversi ġurnalisti minn djarhom hekk kif il-protesti u dimostrazzjonijiet kontra l-arrest tas-Sindku ta’ Istanbul Ekrem Imamoğlu komplew jeskalaw.
L-union Disk-Basin-Is irrappurtat li mill-anqas tmien ġurnalisti u fotoġurnalisti kienu miżmuma mill-pulizija f’dak li qed ikun deskritt bħala attakk fuq il-libertà tal-kelma u d-dritt li ċ-ċittadini jkunu jafu l-verità.
F’kitba fuq il-pjattaforma ‘X’, l-union kitbet li “ma tistax taħbi l-verità billi tagħlaq ħalq il-ġurnalisti”, hekk kif talbu għall-ħelsien immedjat tagħhom.
Il-ġurnalisti dejjem kienu fil-mira ta’ Erdoğan minn mindu laħaq President fl-2014. L-Għaqda mhux governattiva, Reporters Without Borders, is-sena l-oħra kienu rrappurtaw li matul l-għaxar snin li kien ilu fil-poter Erdoğan, 77 ġurnalist kienu ġew ikkundannati talli insultaw lill-President u ħamsa kienu sfaw maqtula. Dan barra li 85% tal-midja nazzjonali hija kkontrollata mill-Gvern.
Ħafna huma tal-fehma li, l-arrest ta’ Imamoğlu, li huwa membru tal-Partit Repubblikan tan-Nies (CHP) u bla dubju l-aktar personaġġ popolari fost l-Oppożizzjoni, hija mossa politika sabiex jitwarrab min-nofs l-akbar avversarju ta’ Erdoğan mit-tellieqa għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2028.