Diversi entitajiet involuti fil-ħarsien tal-ambjent ingħaqdu f’post wieħed sabiex jallegraw lill-pubbliku fi spazju miftuħ filwaqt li jqajmu aktar għarfien rigward kwistjonijiet ambjentali.
F’Ta’ Qali crew ta’ ONE News sab diversi familji jieħdu sehem f’attivitajiet imtella’ mid-diversi għaqdiet preżenti filwaqt li kellhom l-opportunità li jduru numru ta’ bankarelli li kienu qed ibiegħu ikel u xorb fost oħrajn.
Fost oħrajn kien hemm Antoine Vella, nissieġ li jaħdem in-newl li spjegalna kif il-prodotti tiegħu magħmulin mill-qoton u s-suf tan-nagħaġ, jistgħu jintużaw u jerġgħu jintużaw għal diversi drabi.
“Meta titfgħu għand Mother Earth, jinħall u jispiċċa, jerġa’ jmur lura fejn kien. Mintix se tagħmel ħsara lill-ambjent bih, kemm bil-qoton u anki suf tan-nagħaġ u apparti minn hekk ix-xogħol tal-insiġ, fl-antik, kollu kien magħmul biex iservi fit-tul. Li jsir illum kollox għandek shelf life qasira ħafna.”
Tkellimna ma’ wħud mill-familji preżenti li qalulna kemm jieħdu gost b’attivitajiet b’temi ambjentali.
“Importanti ħafna għax anki t-tfal tagħna jkunu jistgħu jimirħu u jkunu jistgħu jesploraw l-affarijiet ta’ madwarhom u l-ambjent.”
“Xi ħaġa tajba ħafna hux veru, għat-tfal u hekk speċjalment. Anki aħna l-kbar nieħdu pjaċir, aħseb u ara t-tfal hux.”
“Huma veru importanti minħabba li kulħadd jista’ jagħmel xi ħaġa li jrid.”
“Għat-tfal l-iktar hux għax jieħdu pjaċir jiġru, face painting, naqra popcorn ‘l hemm u ‘l hawn, it-tfal jieħdu gost iġifieri tajjeb ħafna li jibqgħu jiġu organizzati dawn l-attivitajiet.”
“Spazji miftuħa għalhekk qegħdin fl-aħħar mill-aħħar.”
Huma temmu jgħidulna li filwaqt li t-tfal jieħdu gost jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet, fuq kollox ikunu qed iqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Din l-attività ttellgħet b’kollaborazzjoni ma’ Project Green u l-Ministeru għall-Ambjent flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali.