Hekk kif din il-ġimgħa se tkun iddedikata għas-saħħa mentali, ġiet organizzata diskussjoni wiesa’ f’attività, li ttellgħet apposta bis-sehem ta’ diversi professjonisti u entitajiet li jaħdmu fis-settur tas-saħħa mentali f’pajjiżna.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif din l-attività saret bil-għan li tindirizza l-isfidi li ġġib magħha s-saħħa mentali u taffettwa lil kulħadd.
Il-Professur tal-Psikjatrija, Anton Grech, semma kif kien hemm żieda qawwija fl-aħħar snin fil-każi b’kundizzjonijiet, bħalma hi d-dipressjoni, b’ċifri li jlaħħqu l-150% wara l-COVID.
Il-Ministru Abela sostna li qed jiġu magħrufin dawn il-fatturi li qed jaffetwaw is-saħħa mentali u ma jistax ikun li wieħed jibqa’ ċass u ma jsir xejn.
Qal li wieħed irid jara l-konklużjonijiet li se jkunu qed joħorġu mid-diskussjoni u wara ssir evalwazzjoni ta’ kollox, bil-għan li tiġi rriformata s-sistema.
Rigward anke t-taboo li jeżisti, il-Ministru tkellem fuq dak li anke bħala professjonisti qed jaħdmu fuqu.
“Aħna nixtiequ li dan it-taboo jieqaf. L-istigma trid tieqaf. Il-Professur Grech qed jitkellem li in-parlance, aħna kif nitkellmu bejnietna, xi ħadd li jkun marid bis-saħħa mentali ntellgħuh hemm fuq. Dik hi xi ħaġa li aħna, bħala Gvern, kommessi li tieqaf. Dik hi xi ħaġa li rridu neliminaw, fuq dik nista’ ngħid li dak it-tip ta’ stigma u taboo aħna irridu neqirduh. Mhux nattakkawh, neqirduh.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Fil-kummenti li ta, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal kif anke bħalissa qed iżidu aktar is-servizzi tal-psiko-ġerarkija, il-kura psikjatrika fost l-anzjani, fejn f’ħidma ma’ diversi esperti, se jkunu qegħdin jaħdmu anke fir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Semma kif mhux se jkunu qed jaħdmu mar-residenti biss, fejn anke ftit ta’ żmien ilu tnediet l-istrateġija nazzjonali dwar il-kura tad-dimenzja f’pajjiżna.
Tkellem kif, minbarra l-persuni li jkunu jbatu, dawk ta’ madwarhom ikunu suġġetti għall-problemi psikjatriċi ukoll hekk kif jaraw lil dawk li jħobbu qed jiddeterjoraw quddiemhom u ma jistgħu jagħmlu xejn.
“Qed naħsbu wkoll f’dawk in-nies, in conjunction mas- psychogeriatritionists li qegħdin hemmhekk ukoll fis-sala u allura magħhom aħna se nkunu qed naraw li anke lil dawn ir-relatives inkunu qed nilħquhom ukoll. Mhux l-aspett ġerjatriku biss, imma anke mmorru lil hinn minnu ħalli nkunu qed naraw u nifirxu kemm jista’ jkun aktar nies ħalli nkunu qed ngħinu kemm jista’ jkun nies ħalli nkunu qed ngħinuhom b’mod ħolistiku. Dak hu l-impenn tagħna u determinati li nwettquh.”
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea