Bis-saħħa tal-pandemija l-anzjani bdew ifittxu aktar l-użu tat-teknoloġija, hekk kif f’daqqa waħda tħarbitilhom ir-rutina ta’ kuljum.
Uħud mill-anzjani kienu jisħbu l-jum normali b’quddiesa, oħrajn jagħmlu x-xirja ta’ kuljum, u wħud minnhom kienu jintefgħu fuq il-bank tal-pjazza jgħidu kelmtejn. Iżda peress li ġew imħeġġa jibqgħu ġewwa minħabba saħħithom, l-anzjani riedu jadattaw għal dinja oħra, dik teknoloġika.
Diversi anzjani li qabel lanqas kienu joħolmu li jitgħallmu kif jużaw il-mobile jew tablet, issa bdew jużawh kważi għal kollox – minn biex jigħab it-tombla, minn biex jisma’ il-quddies, min biex ikellem lil familtu, min biex jitgħallem kif iħit bil-ganċ u min biex isajjar.
Dan juruh diversi filmati li l-anzjani stess qed itellgħu fuq il-midja soċjali b’parti mill-kampanja tal-Anzjanità Attiva, Jien Nista’.
Il-Kummissarju għall-Anzjani Mary Vella qalet li grazzi għal din il-pandemija u t-teknoloġija kien hemm diversi anzjani li sabu ħbieb minn ta’ dari.
Hija stqarret: “Nafu li kellna ċertu anzjani illi ma kenux daqshekk digitally aware u forsi ma kenux jużaw daqshekk it-tablet u dawn l-affarijiet, però f’dawn iż-żminijiet ġew imħeġġa u sabu iżjed użu tagħhom u bis-saħħa tagħhom setgħu baqgħu f’kuntatt mal-familja u man-neputijiet u anke kien mezz biex sabu ħbieb antiki.”
Il-Kummissarju Vella qalet li diversi anzjani qed jassoċjaw din is-sitwazzjoni ma’ dik li għixu fi żmien it-tieni gwerra dinjija.
Hija żiedet tappella li min għandu xi qraba jew ħbieb anzjani li jgħixu waħedhom biex ikomplu jżommu kuntatt magħhom ħalli f’dawn iż-żminijiet ħadd ma jħossu minsi.