Disa’ xhur wara l-elezzjoni ġenerali u r-rebħa storika tal-Partit Laburista, u ħames xhur minn meta Adrian Delia ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejh, id-distakk bejn iż-żewġ partiti politiċi huwa dak ta’ 18.4%.
Dan skont stħarriġ li sar mill-gazzetta “It-Torċa” li wera kif kważi 50% ta’ dawk intervistati qalu li, li kieku kellha ssir elezzjoni għada, jivvutaw lill-Partit Laburista. Kienu 28% li qalu li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, filwaqt li l-oħrajn qalu li jivvutaw lil xi partit ieħor jew ma jivvutawx.
L-istħarriġ ħares ukoll lejn l-aktar mexxej fdat f’pajjiżna.
47% ta’ dawk intervistati qali li jafdaw lil Joseph Muscat, filwaqt li 22% qalu li jafdaw lil Adrian Delia.
Jirriżulta li fost il-votanti tal-Partit Laburista, Joseph Muscat għandu mija fil-mija tal-fiduċja. Mentri fost il-votanti Nazzjonalisti, Adrian Delia għandu tnejn u sebgħin fil-mija tal-fiduċja, hekk kif l-oħrajn qalu li jafdaw lil Joseph Muscat, irrifjutaw li jwieġbu jew qalu li huma indeċiżi.
Meta mistoqsija min hu l-aqwa mexxej f’Malta biex ikun Prim Ministru, 47.5% għażlu lil Joseph Muscat, u 22.6% għażlu lil Adrian Delia.
L-istħarriġ sar bejn it-12 u l-20 ta’ Frar fost 600 persuna li għandhom ’il fuq minn 18-il sena.