Film studio Disney qalu li għadd ta’ hackers qed jhedduhom li se jkunu qed joħorġu b’mod illegali wieħed mill-films li għadhom ma ħarġux fiċ-ċinima, dejjem jekk ma jħallsux somma.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Disney, Bob Iger, qal dan kollu f’diskors li ta waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Hu ma żvelax l-isem ta’ dan il-film, iżda l-midja barranija qed tirrapporta li dan il-film hu “Pirates of the Carribean: Dead Men Tell No Tales.”
Iger qal li Disney qed tirrifjuta li tħallas din is-somma u li l-istudjo bħalissa qed jikkoperaw mal-awtoritajiet sabiex tissolva din l-investigazzjoni.
Hu żied jgħid li l-hackers talbu li s-somma titħallas f’bitcoin u li jekk ma jħallsux se jkunu qed joħorġu l-film biċċa biċċa onlajn.