Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ħabbar li bdew id-diskussjonijiet sabiex tinfetaħ ambaxxata fin-naħa ta’ isfel tal-Afrika, bl-għan ewlieni li jkompli jiżdied il-kummerċ ġewwa pajjiżna.
Il-Ministru Abela saħaq li qed isiru l-istudji neċessarji sabiex tinfetaħ ambaxxata fin-naħa t’isfel tad-deżert Sahara.
Minkejja li fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika hemm preżenza tajba ta’ Ambaxxati Maltin mhux l-istess jista jintqal għan naħa t’isfel tal-istess kontinent.
L-iskop ewlieni ta’ din l-Ambaxxata se jkun li jinfetaħ suq ieħor li jattira aktar kummerċ minn u lejn Malta. Dan għandu jwassal ukoll għal aktar investiment minn diversi swieq barranin.
Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar ftehim ta’ kummerċ mal-Ghana, li sar taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro.
Fi kliem il-Ministru- “il-Ministeru kompla għaddej bil-ħidma biex jippromwovi lil pajjiżna biż-żieda tal-promozzjoni tal-kummerċ. Kienet sfida oħra li bdejna naħdmu fuqha biex fllimkien mal-aspett diplomatiku indaħħlu wkoll diplomazija kummerċjali, sabiex inkunu nistgu dejjem insaħħu aktar lil pajjiżna.”
Il-Ministru Abela qal li Malta kienet ukoll it-tielet pajjiż mill-Unjoni Ewropea li ffirmat it-trattat ta’ kummerċ mal-Kanada. Ftehim li daħal fis-seħħ f’ Jum l-Indipendenza u li eventwalment se jaffettwa aktar minn nofs biljun ruħ miż-żewġ naħat tal-Atlantiku.