Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri kellu laqgħa mal-Ministru responsabbli għall-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija ta’ Singapore, Dr Janil Puthucheary.
Waqt il-laqgħa li saret f’Singapore, iż-żewġ naħat iddiskutew l-iżviluppi u dak miksub fil-qasam tal-ekonomija diġitali, f’dak tal-crypto u l-blockchain. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qasam il-viżjoni tal-Gvern Malti li jagħmel minn Malta The Blockchain Island, liema viżjoni, spjega Schembri qed tkun milqugħa minn ħafna, fl-isfond li issa Malta għandha tliet liġijiet li se jagħtu ċertezza legali lill-operaturi li joperaw f’dan il-qasam.“L-iskop ta’ din iż-żjara kien li nifhmu aħjar l-istrateġija u tip ta’ politika li Singapore adotta fl-aħħar snin sabiex nidentifikaw oqsma li jistgħu jkunu implimentati f’Malta. Bħala Gvern, determinati li nagħtu iżjed spinta lill-ekonomija diġitali sabiex tkun ta’ benefiċċju kemm għall-industriji kif ukoll għaċ-ċittadini Maltin,” qal Schembri filwaqt li żied li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkoperaw f’oqsma partikolarment dawk marbuta mal-ekonomija diġitali u s-cyber security.
Iż-żewġ pajjiżi għandhom viżjoni għal dan il-qasam għalhekk ġew identifikati l-oqsma fejn tista’ tiżdied il-koperazzjoni kemm fuq livell ta’ Gvern u kemm fuq livell ta’ aġenziji.
Waqt iż-żjara f’Singapore, Silvio Schembri ltaqa’ mal-amministrazzjoni ta’ Singapore Stock Exchange kif ukoll m’għadd kbir ta’ kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-blockchain u t-teknoloġija.
Schembri qal li din kienet żjara ferm pożittiva fejn fil-jiem li ġejjin ħa jkunu qegħdin jitħabbru wħud mill-kumpaniji li joperaw ġewwa Singapore u li ħa jkunu qegħdin jestendu l-operat tagħhom ġewwa Malta. Uħud minn dawn il-kumpaniji se jkunu parti minn DELTA Summit li se jsir bejn it-3 u l-5 t’Ottubru.
Ritratt: OPM_PS