Waqt laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Ewropa u l-Affarijiet Barranin ta’ Franza Catherine Colonna, li qed issir bħala parti mill-forum tal-paci li qed jitlaqqa’ f’Pariġi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li bħala żewġ pajjiżi integrali fil-Mediterran, huwa essenzjali li jkun hemm djalogu b’saħħtu sabiex ikollna reġjun aktar b’saħħtu.
Meta kien qed jitkellem fuq l-immigrazzjoni, il-Ministru Ian Borg saħaq kif ir-riforma fis-Seka li hija s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tibqa’ waħda kruċjali, fejn dak li qed jintqal fuq il-karta huwa mportanti li jsir fir-realtà.
Filwaqt li radd ħajr lil Franza tal-għajnuna tagħha lil Malta fir-rilokazzjoni matul is-snin, il-Ministru Borg qal li ċert li fl-2023 Franza se tkompli tgħin lil pajjizna.
Id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ Ministri trattaw ukoll il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, bħala l-unika żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal dan it-terminu. Ian Borg spjega l-prijoritajiet ta’ pajjiżna għal li ġej u kif Malta temmen fl-importanza ta’ aktar djalogu għal aktar paċi u sigurtà madwar id-dinja.
Malta ħadet sehem ukoll fiċ-ċelebrazzjoni tal-104 anniversarju tal-Armistizju fejn il-Ministru Ian Borg kellu laqgħat mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron, il-President tal-Arġentina Alberto Fernandez, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Santiago Cafiero u s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin għar-Renju Unit James Cleverly.