Wara s-suċċess li kiseb il programm Be Smart Online, għaddejjin diskussjonijiet biex jiġi estiż għal fuq il-post tax-xogħol. Dan bil-għan li jintlaħqu dawk il-ġenituri li ma jistgħux jattendu għall-istess programm fil-ħinijiet tiegħu.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri meta t-Tlieta filgħodu żar l-iskola primarja ta’ San Pawl il Baħar flimkien mal-Ministru Evarist Bartolo. Iż-żewġ Membri Parlamentari żaru lit-tfal li kienu qed jitgħallmu fuq il-litterizmu u ħiliet digitali waqt skola sajf.
Hawnhekk il-Ministru Bartolo emfasizza fuq il fatt li filwaqt li huwa importanti li l-edukazzjoni żżomm il-pass mal-avvanz teknoloġiku, jeħtieġ li l-aspett soċjali u l-ambjent ta’ madwarna ikun gawdut ukoll.