Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa bilaterali importanti mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Iżrael Eli Cohen.
Matul din il-laqgħa ntqal kif huwa essenzjali li minkejja li r-relazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi tmur lura għal 1965 hemm il-bżonn li din tibqa’ tiġi msaħħa minn żmien għal żmien.
L-ministru Borġ qal li minkejja r-relazzjoni kummerċjali eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi, għandhom jiġu esplorati aktar mezzi sabiex dawn jiġu mtejba. Huwa għalhekk li ġie miftiehem biex jinbeda proċess ta’ diskussjonijiet tekniċi sabiex ikun hemm aktar kooperazzjoni fis-setturi tas-saħħa, l-agrikoltura, l-ilma, l-edukazzjoni u anke l-kultura. Naturalment, iż-żewġ Ministri kellhom diskussjoni wkoll dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, fejn Malta kompliet tqajjem il-punt ta’ appoġġ għal dik li hija magħrufa bħala ‘is-soluzzjoni taż-żewġ stati’.
Il-Ministru Borg laqa’ l-istedina tal-Gvern Iżraeljan biex aktar tard din is-sena jagħmel żjara f’dan il-pajjiż bil-għan li jkomplu jiġu intensifikati d-diskussjonijiet.
Matul il-jum tat-Tlieta, Dr Ian Borg kien parti minn avveniment importanti wkoll dwar id-diskriminazzjoni, abbażi tal-ġeneru, fil-konfront femminili fl-Afganistan fejn sostna kif huwa kruċjali li nkomplu nżidu l-għarfien għal aktar protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tan-nisa f’ċertu reġjuni. Huwa qal li “Din kienet, għadha u se tibqa’ waħda mill-prijoritajiet matul it-terminu tagħna fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.” u tenna kif “irridu nibqgħu naħdmu biex kulħadd ikun dejjem stmat l-istess u indaqs.”
Prijorità oħra ta’ Malta fil-politika barranija, b’mod partikolari waqt it-terminu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, hija dik tal-protezzjoni tat-tfal f’kunflitti armati. Il-Ministru Borg reġa’ tenna u enfasizza kif post it-tfal huwa fuq il-bank tal-iskola u mhux fil-gwerer. Qal kif Malta se tibqa’ tkun konsistenti dwar dan u se tibqa’ żżid il-pressjoni fuq dawk li qed jinjoraw dan il-valur fundamentali tat-tfal.
Il-Ministru Ian Borg laqa’ wkoll lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għal żjara ta’ korteżija fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.