F’laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, qalet li hemm bżonn isiru aktar diskussjonijiet fil-livell Ewropew biex tiġi żgurata l-istabbilità fil-prezz tal-gass.
Il-Ministri ddiskutew tliet prosposti għar-regolamenti ta’ emerġenza. Dawn jinkludu solidarjetà bejn l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea; il-possibbiltà ta’ permessi għall-istallazzjonijiet ta’ enerġija rinovabbli aktar faċli, u mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-gass, magħruf bħala ‘gas price cap’.
Waqt l-aħħar Kunsill Ewropew ix-xahar li għadda, il-mexxejja ta’ sittax-il Stat membru tal-Unjoni Ewropea, inkluża Malta, qablu li l-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta għal prezzijiet tal-gass orħos u aktar stabbli madwar l-Unjoni.
Malta hija fost il-pajjiżi li esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din il-proposta u l-Ministru Dalli qalet li filwaqt li Malta taqbel mal-prosposti maqbula dwar is-solidarjeta u l-permessi għar-rinnovabbli, ma tistax taqbel mal-mod kif il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq tal-gass qed jiġi propost.
Il-Ministru Dalli qalet li l-proposta kif inhi la tindirizza l-ħtieġa li l-prezz tal-gass jinżamm baxx u lanqas tiżġura sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jistgħu verament ikollhom l-għajnuna meħtieġa fejn jidħol il-prezz tal-gass.