Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jiddiskuti l-Pjan Soċjali għall-Familji mal-istakeholders kollha involuti, inkluż ma’ professjonisti mill-qasam soċjali, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tax-xogħol, fost oħrajn.
Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, saret laqgħa mal-partijiet interessati sabiex jiġu esplorati aktar ideat u prijoritajiet illi jistgħu jagħtu spinta lill-familji Maltin u Għawdxin. Dawn id-diskussjonijiet qed isiru sabiex jirriflettu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji fis-setturi kollha.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar l-importanza li niġġeddu u nifhmu r-realtajiet soċjali tal-lum. Dan speċjalment fir-realtajiet li jolqtu lill-familji, bħall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, il-leave maternali u paternali, kif ukoll sitwazzjonijiet li jinvolvu familji vulnerabbli u li jeħtieġu għajnuna.
Min-naħa tagħha, id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru, Alexia Vella, tkellmet dwar l-erba’ prijoritajiet ewlenin tal-Pjan, bl-ewwel waħda tkun marbuta mal-Ġustizzja Soċjali għall-Familji sabiex jissaħħaħ l-appoġġ u servizzi adegwati lill-familji f’sitwazzjonijiet żvantaġġati, fejn familji b’membri li għandhom bżonnijiet speċifiċi jingħataw appoġġ addizzjonali.
Kompliet tispjega li prijorità oħra hija li jitrawwem ambjent familjari pożittiv li jgħin lill-individwi jimmaniġġjaw aħjar l-istress tal-ħajja permezz ta’ kumdità, gwida u saħħa kostanti. It-tisħiħ tal-għarfien u l-ħiliet huwa qasam ieħor strumentali sabiex il-familji kollha ikollhom aċċess għal opportunitajiet ugwali. Dan filwaqt li qed isir sforz kollettiv sabiex ikun hemm titjib tar-rata ta’ fertilità ta’ Malta, b’rispett lejn id-diversi fatturi soċjoekonomiċi li jinfluwenzaw l-ippjanar tal-familja.
Din l-istrateġija se tkun qed tara illi tippromwovi l-benesseri, filwaqt illi tilqa’ l-isfidi attwali u futuri, permezz ta’ pjan li jistabbilixxi pedament sod għat-trawwim ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom.