Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg jinsab fi Vjenna, l-Awstrija, għal diskussjonijiet bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali tal-Awstrija, Alexander Schallenberg.
Matul il-laqgħa, il-Ministru Borg qal li filwaqt li ż-żewġ pajjiżi jgawdu minn relazzjonijiet bilaterali eċċellenti, għad hemm lok fejn ikomplu jittejbu u jissaħħu fiż-żmien li ġej, b’mod partikolari fid-dawl tan-newtralità li ż-żewġ pajjiżi jħaddnu. Iż-żewġ ministri qalu li huwa ta’ unur li ż-żewġ nazzjonijiet kemm-il darba servew bħala pont għal diskussjonijiet ta’ paċi u se jibqgħu jaraw li dan l-irwol isostnuh u jtejbuh.
Fuq l-aġenda ta’ dawn id-diskussjonijiet kien hemm l-aħħar żviluppi u d-diversi eskalazzjonijiet li qed naraw fil-viċinat tal-Ewropa. Malta u l-Awstrija jaqblu li għal dawn l-isfidi hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijiet multilaterali, primarjament fl-ambitu tan-Nazzjonijiet Magħquda. Iż-żewġ pajjiżi qalu li jemmnu li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu riżolti biss permezz ta’ djalogu paċifiku u mhux permezz ta’ kunflitti armati u militari.
Malta u l-Awstrija ddiskutew ukoll kif qed jaraw li jista’ jkun hemm aktar kollaborazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kultura, bil-għan li jibbenefikaw iż-żewġ popli. Matul din il-laqgħa kienu diskussi wkoll l-immigrazzjoni u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.
Ta’ min jinnota li din il-laqgħa kienet ukoll waħda preparatorja għal laqgħat oħrajn li se jkunu qed isiru fil-futur qarib bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul din iż-żjara fl-Awstrija, il-Ministru Ian Borg żar ukoll lill-ħaddiema tal-Ambaxxata u l-Missjoni Permanenti ta’ Malta fi Vjenna mmexxija mill-Ambaxxatriċi Natasha Meli Daudey, u rringrazzjahom tax-xogħol siewi li qed jagħmlu lil hinn minn pajjiżna.
Il-Ministru Ian Borg iltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), Helga Schmidt, u ddiskutew materji relatati mas-sigurtà u l-kooperazzjoni kif ukoll dwar il-futur tal-OSCE. F’din il-laqgħa tħabbret ukoll kontribuzzjoni li se ssir mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ fuq proġett li se jinkorpora l-użu tat-teknoloġija sabiex jindirizza t-traffikar tal-umani.
Il-Ministru Borg kellu laqgħa wkoll mad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), Rafael Mariano Grossi, u ddiskutew l-użu tat-teknoloġija nukleari għal mezzi paċifiċi. Matul din il-laqgħa ġie ffirmat ukoll ftehim u tħabbret il-kontribuzzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ favur l-inizjattiva tal-IAEA, ‘Rays of Hope’.