Waqt żjara uffiċjali f’Shanghai fiċ-Ċina, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli kellha diskussjonijiet ma’ Shanghai Electric Power biex jiġu evalwati teknoloġiji differenti li jistgħu jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija f’pajjiżna.
Id-diskussjonijiet saru maċ-Chairman ta’ SEP Lin Hua u l-Kap Eżekuttiv Huang Chen. L-Inġ. Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv, u Jonathan Cardona, Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, flimkien ma’ John Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ International Energy Services Centre (IESC), u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Joseph Caruana, kienu wkoll parti minn dawn id-diskussjonijiet, hekk kif f’Shanghai saret Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Enemalta u laqgħa tal-Bord tal-IESC. Shanghai Electric Power hija minority shareholder fl-Enemalta plc u l-IESC.
Waqt l-indirizz tagħha fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-Ministru Dalli saħqet fuq l-appoġġ konsistenti li l-Gvern Malti qed jagħti liċ-ċittadini tiegħu fid-dawl taż-żieda bla preċedent fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija. Il-Ministru Dalli saħqet kif il-Gvern huwa wkoll determinat li jagħti l-appoġġ meħtieġ lill-familji u n-negozji fit-transizzjoni lejn l-ekonomija l-ħadra, biex iħeġġeġ l-użu t’enerġija nadifa u l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.
Iż-żewġ naħat qablu fuq il-ħtieġa li jiġu evalwati tipi differenti ta’ teknoloġiji li jistgħu jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija f’Malta.
Waqt iż-żjara f’Shanghai, id-Delegazzjoni Maltija żaret diversi proġetti ambjentali, inkluż pompa li tforni l-idroġenu (hydrogen refilling station), ċentru ta’ kontroll tal-enerġija intelliġenti u ċentru tal-enerġija ħadra.
Il-Gvern Malti bħalissa għaddej b’diversi investimenti fil-qasam tal-enerġija b’ħidma differenti, inkluż it-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, it-tieni interconnector bejn Malta u l-Italja, sistemi ta’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija, skemi għal sistemi ta’ enerġija rinnovabbli fuq l-art u l-policy għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baħar.