F’diskussjoni pubblika ġiet diskussa l-importanza tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, anke fid-dawl tal-pandemija li laqtet lid-dinja u li bidlet il-mod ta’ kif ħafna jaħdmu. Għal din id-diskussjoni organizzata mill-MEUSAC kien hemm preżenti l-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li spjega kif sal-bidu ta’ Awissu tas-sena 2022 f’pajjiżna wkoll trid tkun ġiet introdotta d-direttiva tal-Unjoni Ewropea tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu.
Stqarr li għalhekk pajjiżna ser ikun qed jidħol f’fażi ta’ diskussjoni sabiex jara l-effetti tagħha.
Il-Minisru Abela qal: “Ninsabu fi stadju ta’ konsultazzjoni, fi stadju fejn imbagħad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet, kif ser nimplimentawhom u allura naturalment l-affarijiet li jmorru mal-finanzi ta’ ċertu miżuri, però d-direttiva la darba għaddiet mill-Unjoni Ewropea trid tidħol fis-seħħ sal-aħħar ta’ Awwissu 2022.”
Din id-direttiva ser tkun importanti anke fid-dawl li l-pandemija bidlet il-mod ta’ kif isir ix-xogħol. Il-Professur Godfrey Baldacchino mill-Università ta’ Malta spjega kif fejn qabel il-maġġoranza tal-ħaddiema kellhom spazju separat fejn jagħmlu x-xogħol u jqattgħu ħin mal-familja issa ħafna ħaddiema qed jispiċċaw jaħdmu iktar mid-dar.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol, Diane Vella Muscat spjegat kif fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar arranġamenti ta’ kif isir ix-xogħol, l-aqwa mod ta’ kif tinstab soluzzjoni hija billi jkun hemm djalogu tajjeb bejn il-ħaddiem u min iħaddem.