Hekk kif Jum il-Missier jinsab wara l-bieb, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fakkar dan il-jum b’diskussjoni pubblika li serviet ta’ riflessjoni dwar ir-realtajiet u l-isfidi li l-missirijiet qed jiffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet.
Fost it-temi diskussi: il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u l-importanza ta’ sehem attiv tal-missier fit-trobbija tat-tfal.
Dan flimkien mal-preġudizzji u l-istigma li kien hemm fl-imgħoddi jekk raġel jagħmel xogħol li tradizzjonalment kien assoċjat min-nisa.
Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, saħqet fuq il-bżonn ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.
“Miżuri oħra li proprju introduċa l-Gvern ftit tax-xhur ilu, meta nitkellmu dwar ir-remote working u l-work-life balance, qed jgħinu sabiex anke l-irġiel, il-missirijiet, ikunu jistgħu jgħinu fit-trobbija tat-tfal.”
Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Hija qalet dan fid-dawl tal-fatt li r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-mara fl-età bejn il-ħmistax u l-erbgħa u sittin sena fl-ekonomija hija ta’ aktar minn 72%, skont statistika maħruġa mill-NSO. Din hija rata aħjar mill-medja Ewropea.
Preżenti kien hemm ukoll diversi membri minn għaqdiet mhux governattivi, inklużi rappreżentanti mill-għaqda Nanniet Malta, rappreżentanti tal-unjins tal- ħaddiema, u negozjanti.