Il-Fondazzjoni IDEAT organizzat laqgħa ta’ diskussjoni dwar l-ewtanasja.
Il-lettur fil-Fakultà tal-Mediċina, il-Professur Pierre Mallia tkellem dwar l-importanza li niddiskutu dwar tali suġġetti. Mallia li jispeċjalizza fl-etika medika tkellem dwar il-fatturi li bidlu l-opinjoni tan-nies fuq pereżempju l-ewtanasja.
Is-Sur Joe Magro, li ibati mill-kundizzjoni ta’ Mulitple Sclerosis li tinterrompi l-kuntatt bejn il-moħħ u l-ġisem u li jadvoka favur il-legalizzazzjoni tal-ewtanasja stqarr li f’każijiet ta’ mard terminali wieħed għandu jkollu d-dritt li jtemm ħajtu.
Magro stqarr, “Mhux f’kull każ insemmilek eżempju jekk ikollok dipressjoni, le għax jgħaddu erba’ t’ijiem wara u tgħid imnalla m’għamilthiex għax moħħok ma jkunx qed jaħdem tajjeb. Imma jekk qed tkun qed tbati u kull tip ta’ tbatija mhux uġigħ biss tbatija anki jekk tiġi paralizzat dik hija tbatija għalija naturalment min ikun irid għax min kulħadd ikun irid ma jużahiex għandu kull dritt. Imma jien nemmen li min ikun irid għandu jkollu kull dritt li tkun qegħda hemmhekk għalih.”
Minn naħa tagħha, id-dentista, Dr Miriam Sciberras li ukoll tispeċjalizza fl-etika medika qalet li fil-ħajja ma jistax ikollok kontroll fuq kollox. Hija saħqet li wieħed għandu jadatta għaċ-ċirkostanzi tal-ħajja.
Dr Sciberras sostniet, “Il-ħajja ittik li ttik jiġifieri imbagħad sta għalina bħala soċjetà nappoġġjaw lil xulxin biex ngħinu dejjem lil min ikun vulnerabbli u flimkien ngħaddu minn dik il-kriżi li forsi tolqot lil kull wieħed u waħda minna.”
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-fundatur ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa kif ukoll il-Viċi Chairperson tal-Assoċjazzjoni Umanitarja Maltija, James Buhagiar.
Intant iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni IDEAT, Elaine Degiorgio, saħqet dwar l-importanza li bħala fondazzjoni progressiva tixpruna diskussjoni matura fuq livell nazzjonali, anki jekk is-suġġett ikun ikkunsidrat bħala tabù.
Degiorgio spjegat, “Inkomplu naraw biex anki aħna bħala Fondazzjoni IDEAT, dawn is-suġġetti li forsi huma kemxejn diffiċli illi niddiskutuhom inkunu hemmhekk, inpoġġuhom fuq l-aġenda u niddiskutuhom man-nies hemm barra.”