Waqt żjara l-Ġimgħa filgħodu minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela fiċ-ċentru ta’ taħriġ għall-persuni b’diżabiltà flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli saret diskussjoni miftuħa ma’ bosta persuni b’abilitajiet differenti.
Dawk preżenti staqsew u ddiskutew diversi suġġetti u sfidi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fosthom il-pandemija, l-attivitajiet li jagħmlu u kif qed jippreparaw għall-festi tal-Milied. Il-persuni b’diżabilità semmew ukoll ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.
Fiċ-ċentru ta’ taħriġ fi Fleur De Lys, ONE news ltaqa’ ma’ Nathalie Cremona fejn kellmitna dwar l-esperjenza tagħha fiċ-ċentru.
Hija qaltilna, “Inpinġu, ngħinu lill-oħrajn, ngħin lil sħabi u ngħin lil kullħadd imsomma. Hemm xi affarijiet li jogħġbuk l-aktar? Inpinġi u naħdem il-ganċ.”
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela nnutat il-kapaċitajiet li għandhom dawn il-persuni fosthom id-diversi crafts li kienu esebiti fil-kurituri filwaqt li semmiet kif meta ngħaqdu l-abilitajiet kollha tagħna f’daqqa kapaċi nagħmlu bidliet pożittivi kbar.
Dr Abela stqarret, “Jiena kapaċi nagħmel xi ħaġa u inti kapaċi tagħmel xi ħaġa differenti u xi ħaddieħor kapaċi jagħmel xi ħaġa differenti. Imma meta ngħaqqdu lkoll flimkien, flimkien kapaċi nagħmlu ħafna u kapaċi nġibu l-bidliet illi hemm bżonn. Matul din il-ġimgħa niċċelebraw l-abilitajiet ta’ kull wieħed u waħda minnha.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif malli rifset l-għatba ta’ dan iċ-ċentru nnutat sens ta’ komunità magħquda.
Hija sostniet: “Il-kelma diżabilità qed inħarsu lejha mill-aspett wiesgħa tagħha. Id-diżabilità li mhux neċessarjament tidher imma dawk id-diżabilitajiet li ma jidhrux. Din hija t-tema li addotta l-Gvern Malti bbażata fuq it-tema magħżula mill-Ġnus Maqgħuda imma l-kelma inklużjoni fis-sens wiesgħa tagħha. Illi aħna rridu niffukaw fuq l-abilitajiet ta’ kull wieħed u waħda minn dawk il-persuni li għandhom diżabilità.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna fejn qal li huwa dejjem ħadem qatigħ biex jitkellem f’isem ħaddieħor.
Tenna kif din l-attività tal-lum kienet kruċjali sabiex persuni b’diżabilità jwasslu ħsibijiethom ħalli nkomplu ntejbu s-servizzi eżistenti u jkun hemm aktar inklużjoni fis-soċjetà.